X’nagħmlu

what we doL-Eurojust taħdem ma’ awtoritajiet nazzjonali biex tiġġieled firxa wiesgħa ta’ reati serji u kumplessi transfruntiera li jinvolvu żewġ pajjiżi jew aktar. L-Aġenzija tmexxi r-rispons ġudizzjarju għat-theddid dejjem jikber fl-Ewropa, u b’hekk tippermetti lill-Istati Membri jżommu pass aktar ’il quddiem mill-kriminali, b’enfasi partikolari fuq il-gruppi tal-kriminalità organizzata. Il-każijiet imressqa lill-Eurojust ta’ spiss jinvolvu aktar minn tip wieħed ta’ kriminalità.

It-tipi ta’ kriminalità ta’ prijorità jinkludu:

  • It-terroriżmu
  • Iċ-ċiberkriminalità
  • It-traffikar ta’ bnedmin
  • It-traffikar tad-droga
  • Reati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE (reati PIF)
  • Il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali
  • Ir-reati ambjentali
  • Il-ħasil tal-flus
  • Il-frodi b’egħmil qarrieqi u l-frodi

L-Eurojust toffri appoġġ operattiv imfassal apposta għal matul l-istadji differenti tal-investigazzjonijiet kriminali transfruntiera, billi tipprovdi:

  • rispons immedjat;
  • servizz ta’ koordinazzjoni fuq talba li jopera 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa;
  • rabtiet mal-kontropartijiet ewlenin; u
  • assistenza fit-tħejjija ta’ talbiet għal kooperazzjoni ġudizzjarja, inklużi traduzzjonijiet uffiċjali.

Barra minn hekk, l-Eurojust tista’ takkomoda forom kumplessi ta’ mekkaniżmi ta’ assistenza u ta’ koordinazzjoni, li jistgħu jiġu kkombinati kif meħtieġ biex jappoġġaw operazzjonijiet maġġuri. Pereżempju, l-Aġenzija tista’:

  • tikkoordina investigazzjonijiet paralleli;
  • torganizza laqgħat ta’ koordinazzjoni, blinvolviment tal-awtoritajiet ġudizzjarji u talinfurzar tal-liġi kkonċernati;
  • tistabbilixxi u/jew tiffinanzja skwadri ta’ investigazzjoni konġunta (SIK) li fihom l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi jaħdmu flimkien fuq investigazzjonijiet kriminali transnazzjonali, abbażi ta’ ftehim legali bejn żewġ pajjiżi jew aktar; u
  • tippjana jiem ta’ azzjoni konġunta, diretti f’ħin reali permezz ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni organizzati fl-Eurojust, li matulhom l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jarrestaw lil min iwettaq ir-reat, jeqirdu gruppi ta’ kriminalità organizzata u jissekwestraw assi.