
Filwaqt li mmarka mument storiku, iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni Kontra l-Ukrajna (ICPA) beda uffiċjalment l-operazzjonijiet tiegħu fl-Eurojust illum. L-ICPA se jappoġġa t-tħejjija ta’ każijiet tad-delitti ta’ aggressjoni, billi jiżgura evidenza kruċjali u jiffaċilita l-proċess tal-bini ta’ każijiet fi stadju bikri.
F’avveniment ta’ tnedija ddedikat fit-3 ta’ Lulju fil-bini tal-Eurojust f’The Hague, l-ICPA ġie inawgurat mill-President tal-Eurojust Ladislav Hamran, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders, il-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna Andriy Kostin, il-Prosekutur tal-QKI Karim A.A. Khan, l-Assistent Avukat Ġenerali Kenneth A. Polite, u l-Ministru għall-Ġustizzja tan-Netherlands, is-Sinjura Dilan Yeto ilgöz-Zegerius. Fl-istess ħin, ġie ffirmat ftehim ta’ kontribut mas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija tal-Kummissjoni Ewropea u saret l-ewwel laqgħa operazzjonali tal-bidu taċ-Ċentru.

Matul l-avveniment ta’ tnedija, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders qal: “Bl-istabbiliment tal-ICPA, l-Unjoni Ewropea ttenni l-impenn tagħha li tiżgura responsabbiltà sħiħa mid-delitti internazzjonali mwettqa matul il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluż id-delitt ta’ aggressjoni. L-istabbiliment tal-ICPA huwa sinjal ċar lid-dinja li l-projbizzjoni tal-użu tal-forza tkompli tkun il-pedament tal-ordni internazzjonali tagħna bbażata fuq ir-regoli u li dawk li jiksruha se jinżammu responsabbli.”
Il-President tal-Eurojust Ladislav Hamran iddikjara: “Il-Eurojust bniet rekord sod fl-għoti ta’ appoġġ operazzjonali, tekniku, loġistiku u finanzjarju lill-prosekuturi nazzjonali li jaħdmu fuq każijiet transfruntiera. Mill-bidu nett ta’ din il-gwerra, l-istess appoġġ serva biex jikkoordina u jsaħħaħ l-investigazzjonijiet nazzjonali dwar id-delitti internazzjonali mwettqa fl-Ukrajna. L-ICPA jirrappreżenta pass kruċjali li jmiss fl-isforzi kollettivi tagħna biex intemmu l-impunità fil-livelli kollha.”
Il-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna Andriy Kostin irrimarka: “It-tnedija uffiċjali taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni hija sinjal ċar li d-dinja hija magħquda u deċiża fit-triq biex iżżomm lir-reġim Russu responsabbli mid-delitti kollha tiegħu. Sfortunatament, hemm distakk enormi fir-responsabbiltà mid-delitt ta’ aggressjoni fl-arkitettura tal-ġustizzja kriminali internazzjonali. L-ICPA huwa wieħed mill-elementi essenzjali tar-rinfurzar tal-projbizzjoni ta’ aggressjoni, u b’hekk jikkompleta u jsaħħaħ din l-arkitettura”.
Karim A.A. Khan, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali kkummenta: “Mid-dlam u t-tbatija reali li rajna fl-Ukrajna kollha, rajna wkoll dawl li deher mill-bini ta’ sħubijiet ġodda lejn l-obbligu ta’ responsabbiltà. Qed inkun ċar fil-messaġġ tiegħi llum li aħna se nibqgħu impenjati li nkomplu nsaħħu l-pedamenti għall-kooperazzjoni li bnejna mal-Eurojust u mal-awtoritajiet nazzjonali matul l-aħħar sena permezz tal-Iskwadra ta’ Investigazzjoni Konġunta.”
“Id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti huwa kburi li jinsab spalla ma’ spalla mas-sħab Ewropej tagħna u jkun minn tal-ewwel li jipparteċipa fiċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna (ICPA),” qal l-Assistant Avukat Ġenerali Kenneth A. Polite, Jr. tad-Diviżjoni tal-Kriminalità tad-Dipartiment tal-Ġustizzja. “Il-Prosekutur Speċjali tal-Istati Uniti għad-Delitt ta’ Aggressjoni li għadu kif inħatar tad-Dipartiment tal-Ġustizzja, Jessica Kim, se tirrappreżenta lill-Istati Uniti fl-ICPA, u se jkollha aċċess bla xkiel għall-korp sostanzjali ta’ għarfien espert u riżorsi li d-Dipartiment ġabar b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna.”
Dilan Yeșilgöz-Zegerius, Ministru tal-Ġustizzja tan-Netherlands żiedet: “Illum bil-ftuħ tal-ICPA ħadna pass importanti biex niżguraw li d-delitti internazzjonali li huma r-riżultat tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna jiġu pproċessati. Dan jeħtieġ investigazzjonijiet kumplessi u nistgħu ngħinu lil xulxin b’dan fl-ICPA. Għal dik ir-raġuni, in-Netherlands huwa kburi li huwa l-pajjiż ospitanti tal-ICPA.”
Ir-rwol tal-ICPA u tal-Eurojust

L-ICPA huwa ċentru ġudizzjarju uniku inkorporat fl-Eurojust biex jappoġġa l-investigazzjonijiet nazzjonali dwar id-delitt ta’ aggressjoni relatat mal-gwerra fl-Ukrajna. Bis-saħħa tal-ICPA, prosekuturi indipendenti minn pajjiżi differenti se jkunu jistgħu jaħdmu flimkien fl-istess post kuljum, jiskambjaw l-evidenza b’mod rapidu u effiċjenti, u jaqblu dwar strateġija investigattiva u ta’ prosekuzzjoni komuni. Il-ħidma tal-ICPA se tħejji u tikkontribwixxi b’mod effettiv għal kwalunkwe prosekuzzjoni futura tad-delitt ta’ aggressjoni, irrispettivament mill-ġuriżdizzjoni li se jitressqu quddiemha.
Il-parteċipanti fl-ICPA se jibbenefikaw mill-appoġġ operazzjonali, tekniku, loġistiku u finanzjarju mfassal apposta tal-Eurojust. Il-Bażi tad-Data ta’ Evidenza dwar Delitti Internazzjonali Ewlenin, (CICED), ġestita mill-Eurojust, se tkun ċentrali biex tippermetti l-ħidma tal-ICPA. L-evidenza diġà sottomessa lis-CICED fil-kuntest ta’ delitti internazzjonali oħra (delitti ta’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra) tista’ tkun ugwalment rilevanti għall-investigazzjoni tad-delitt ta’ aggressjoni. Se jkun possibbli wkoll li tinħażen evidenza nazzjonali fis-CICED imressqa minn parteċipanti futuri tal-ICPA biex sussegwentement tiġi analizzata.
Il-fatt li jinsab f’The Hague għandu diversi vantaġġi. Mhux biss l-ICPA se jkollu aċċess dirett għall-għarfien espert siewi tas-Segretarjat tan-Network għall-Ġenoċidju ospitat fl-Eurojust, iżda dan se jiffaċilita wkoll il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mill-qrib mal-QKI u ma’ atturi internazzjonali oħra tal-ġustizzja.
X’jagħmel l-ICPA urġenti u uniku?
Il-gwerra fl-Ukrajna hija l-aktar waħda dokumentata fl-istorja, u, għall-ewwel darba, qed iseħħu investigazzjonijiet attivi dwar id-delitt ta’ aggressjoni filwaqt li kunflitt armat għadu għaddej. Fl-istess ħin, qed nittrattaw delitt internazzjonali li rarament ġie mħarrek u li għalih ma hemm l-ebda prattika standard.
L-istabbiliment rapidu tal-ICPA jgħaqqad id-distakk bejn l-ambizzjonijiet u r-realtà, billi jiġbor flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti, jiżgura evidenza kruċjali u jiżgura li ma jintilef l-ebda żmien fil-bini ta’ każ għall-prosekuzzjoni futura tad-delitt ta’ aggressjoni. B’dan il-mod, il-komunità legali qed tagħti messaġġ ċar li dawk responsabbli mid-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna se jinżammu responsabbli. Għaldaqstant, it-tnedija tal-lum tal-ICPA tirrappreżenta stadju importanti għall-ġustizzja internazzjonali.
Parteċipanti fl-ICPA
Minbarra l-Ukrajna, ħamsa mill-membri tal-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta (SIK) (il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja, il-Polonja u r-Rumanija) qed jipparteċipaw fil-fażi tal-bidu tal-ICPA. B’segwitu ta’ Memorandum ta’ Qbil mal-membri tas-SIK, l-Istati Uniti ħatru Prosekutur Speċjali għad-Delitt ta’ Aggressjoni, li se jkun qed jappoġġa l-attivitajiet tal-ICPA.
Fix-xhur li ġejjin, il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi u organizzazzjonijiet oħra fl-ICPA, bħall-QKI u l-Missjoni ta’ Konsulenza tal-UE għall-Ukrajna, se tiġi ffaċilitata. Il-pajjiżi fil-pussess ta’ informazzjoni jew evidenza rilevanti għall-investigazzjoni tad-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna jistgħu jitolbu wkoll il-parteċipazzjoni tagħhom.
Finanzjament tal-ICPA
L-ICPA huwa ffinanzjat bis-sħiħ mis-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija tal-Kummissjoni Ewropea. Il-ftehim ta’ kontribuzzjoni finanzjarja li jkopri ammont inizjali ta’ EUR 8.3 miljuni ġie ffirmat illum mid-Direttur tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija tal-Kummissjoni Ewropea s-Sur Peter Wagner, u d-Direttur Amministrattiv tal-Eurojust is-Sur Evert van Walsum.
Appoġġ ġenerali tal-Eurojust għall-isforzi ta’ responsabbiltà tal-Ukrajna

Minn mindu faqqgħet il-gwerra, il-Eurojust kienet fuq quddiem nett fl-appoġġ għar-responsabbiltà mid-delitti Russi, abbażi tal-esperjenza tagħha ta’ 20 sena ta’ ħidma mal-prosekuturi nazzjonali fuq każijiet transfruntiera.
Sitt ijiem biss wara l-bidu tal-gwerra, il-Eurojust appoġġat l-istabbiliment ta’ SIK li issa tikkonsisti mill-Ukrajna, sitt Stati Membri tal-UE u l-QKI. B’rikonoxximent tal-isfidi evidenzjarji speċifiċi relatati ma’ dan it-tip ta’ investigazzjoni, ġiet stabbilita CICED, abbażi ta’ emenda urġenti tal-mandat tal-Eurojust b’segwitu tal-invażjoni tal-Ukrajna. S’issa, mijiet ta’ fajls minn disa’ pajjiżi inkluż l-Ukrajna ġew sottomessi lis-CICED. L-ewwel riżultati analitiċi jikkonfermaw il-benefiċċji tanġibbli tal-bażi tad-data għall-prattika tal-prosekuzzjoni.
L-Aġenzija tospita wkoll in-Network tal-UE għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra ( in-Network għall-Ġenoċidju), ċentru ċentrali għall-iskambju ta’ għarfien espert f’dan il-qasam.
Li jkun hemm din l-istruttura ta’ appoġġ avvanzat diġà stabbilita, tpoġġi lill-Eurojust fl-aħjar pożizzjoni biex tospita l-ICPA.
Sfond
Id-delitt ta’ aggressjoni huwa delitt imwettaq mill-ogħla tmexxija politika u militari. Minħabba li r-Russja mhijiex parti għall-Istatut ta’ Ruma, il-QKI ma tistax tħarrek lit-tmexxija Russa għad-delitt ta’ aggressjoni fil-kuntest tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Biex jingħalaq dan id-distakk, f’Novembru 2022 il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ppreżentaw dokument li janalizza l-għażliet differenti biex tiġi żgurata r-responsabbiltà sħiħa mid-delitti mwettqa fil-kuntest tal-gwerra Russa kontra l-Ukrajna, inkluż id-delitt ta’ aggressjoni.
L-ICPA huwa l-ewwel pass f’dan il-proċess biex tiġi ppreservata l-evidenza u jitħejjew każijiet għal proċessi futuri, kemm jekk quddiem il-qrati nazzjonali, quddiem tribunal dedikat jew quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali għal delitti fil-ġurisżdizzjoni tagħha.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret l-istabbiliment taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna waqt l-24 Summit bejn l-UE u l-Ukrajna fit-2 ta’ Frar 2023.
Aktar informazzjoni
ICPA:
- Stqarrija għall-istampa tal-Eurojust dwar it-tħabbira taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna
- Dikjarazzjoni mill-President von der Leyen fil-konferenza stampa konġunta mal-President Ukren Zelenskyy
- Dikjarazzjoni mill-President von der Leyen dwar l-istabbiliment taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna
Żviluppi oħra relatati mal-Ukrajna:
- Skeda ta’ żmien li timmarka r-rispons ġudizzjarju tal-Eurojust għall-gwerra fl-Ukrajna
- Ħarsa ġenerali lejn l-appoġġ tal-Eurojust għall-ġustizzja għall-Ukrajna
- Skeda informattiva dwar l-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta fir-rigward tal-allegati delitti internazzjonali ewlenin imwettqa fl-Ukrajna
- Skeda informattiva dwar il-Bażi tad-Data ta’ Evidenza dwar Delitti Internazzjonali Ewlenin
- Is-sit web is-Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna